Il-Kitba espożitorja b’togħma ħelwa.

Kull għalliem fl-iskola Tereża Nuzzo huwa konxju tal-bżonn li wieħed juża l-kreattività sabiex it-tfal mhux biss jitgħallmu, għax it-tagħlim huwa bżonn, imma jieħdu gost waqt li jitgħallmu. B’dan il-mod wieħed ikun qiegħed irawwwem fit-tfal imħabba speċjali lejn it-tagħlim li jalla tibqa’ tul ħajjithom kollha. Dan huwa prinċipju li aħna lkoll inħaddnu fl-iskola tagħna, grazzi għas-sapport li nsibu mit-tim maniġerjali li xejn ma jġibha bi kbira meta xi wieħed minna joħlom b’xi ħaġa. Fil-każ tiegħi anke mill-LSAs li fihom insib ħafna koperazzjoni kif ukoll il-kollegi viċini li forsi jkolli bżonn nisirqilhom xi ftit mill-ħin tant prezzjuż tagħhom ukoll!

Kien dan l-iskop tal-Pane di Spagna li għamilt flimkien mat-tfal tal-Ħames Sena. Fis-sillabu tal-Kitba Kreattiva tal-Malti għandna l-kitba ta’ riċetta. Kien ikun faċli għalija li nurihom riċetta miktuba u ngħidilhom li l-format ta’ riċetta għandu jkun bħalha. Iżda meta tgħid lit-tfal li biex jitgħallmu jiktbu riċetta se ssajrilhom xi ħaġa vera, toħloq entużjażmu kbir u l-entużjażmu huwa dak li jgħin ħafna lit-tfal jitgħallmu. B’attività żgħira, anke fid-dar, kapaċi noħolqu motivazzjoni kbira.

Xogħolhom ma kienx li jagħmlu r-riċetta huma, għax l-istudenti huma numerużi u dan ma kienx possibli. Kellhom jaraw lili nagħmilha filwaqt li jinnutaw x’ingredjenti użajt u l-passi li ħadt biex lestejt ir-riċetta. Wara li lestejna, doqnieha wkoll. Tant ġiet tajba li kulħadd irnexxhielu jikteb ir-riċetta biex jerġa’ jippruvaha d-dar!
U għal min jinteressah hawn hi r-riċetta:

Pane di Spagna

L-ingredjenti:
6 bajdiet
6 mgħaref zokkor
6 mgħaref dqiq
Ftit essenza tal-vanilla

Metodu:
Ħabbat il-bajd għal madwar erba’ minuti.
Żid iz-zokkor u l-essenza tal-vanilla filwaqt li tkompli tħawwad għal madwar erba’ minuti oħra.
Għarbel id-dqiq u itfgħu fit-taħlita mgħarfa mgħarfa ħalli t-taħlita ma titbaxxiex ħafna.
Mal-aħħar mgħarfa li titfa’, itfi l-magna li tkun qed tħawwad biha u ħawwad ftit b’mgħarfa tal-injam sakemm tara li t-taħlita hija ħaġa waħda u ma baqax boċċi tad-dqiq.
Sajjar ġo dixx tond 26 ċm għal 20 minuta f’forn moderat.

PS: Tajjeb li ssaħħan ftit l-għodda li tħawwad bihom qabel ma tibda għax dan jgħin il-Pane di Spagna tkun ta’ konsistenza tajba ħafna.

Ms Sonia Bezzina
Għalliema tal-Malti tal-5 u s-6 Klassi

Willing to be part of TNS?

As a school with a BIG HEART, we always welcome new pupils and parents with a smile and a warm heart!
 

Learn More
X